MALTEMPATA TĦALLI ĦERBA MATUL IL-LEJL

แชร์
ฝัง
  • เผยแพร่เมื่อ 2 ต.ค. 2021
  • ONE.COM.MT Matul il-lejl li għadda, maltemp kbir laqgħat lill-gżejjer Maltin, speċjalment il-gżira Għawdxija.
    It-toroq Maltin u Għawdxin qamu b’xeni xejn sbieħ, hekk kif bosta lokalitajiet imdawrin bil-baħar, spiċċaw bil-karozzi taħt l-ilma u siġar li tqaċċtu f’nofs ta’ triq.
    Minkejja li b’xorti tajba ma ndarab ħadd, il-forzi tal-ordni kienu preżenti madwar il-pajjiż, inkluż membri mid-Direttorat tat-Tindif li tul il-jum neħħew affarijiet li setgħu kienu ta’ periklu.
    KITBA: EMAN PORTELLI
    FILMAT: J. MERCIECA / M. FARRUGIA / B. BONELLO / A. BORG
    Wara jiem ta’ sħana qawwija u xemx ma taqta’ xejn, il-Ħadd filgħodu, pajjiżna qam wara lejl ta’ maltemp kbir.
    Fil-lejl ta’ bejn is-Sibt u l-Ħadd saret l-ewwel maltempata qawwija ta’ wara x-xhur sajfin.
    Fix-Xlendi kien hemm ħerba sħiħa, hekk kif ix-xita qalila ġarret magħha karozzi u kull ma sabet.
    Minn tal-inqas tliet karozzi spiċċaw taħt l-ilma fil-bajja pittoreska tax-Xlendi.
    L-ilma daħal ukoll f’xi djar u ħwienet.
    Mark Busuttil, li għandu skola tal-għadis fix-Xlendi, iddeskriva magħna x-xena li sab ma’ wiċċu l-Ħadd filgħodu.
    SOT MARK BUSUTTIL
    GĦANDU SKOLA TAL-GĦADIS FIX-XLENDI
    “Dan il-lejl kien iżjed mis-soltu, ilna ma naraw waħda kbira hekk … ġebel u hekk, car park kollu mimli, spiċċaw għerqu tliet karozzi. Hemm karozzi oħrajn ġarrhom il-maltemp ħabbathom ma’ xulxin, imbagħad jinqabad il-qasam magħhom.”
    Ritratti li waslu għand ONE News juru karozzi li waqgħu fil-Wied tal-Lunzjata f’Għawdex, siġra f’nofs ta’ triq f’Ħ’Attard u arblu li spiċċa f’mitt biċċa wara li ntlaqat minn sajjetta fil-Kalkara.
    Il-Bażilika ta’ San Ġorġ fir-Rabat Għawdex intlaqtet ukoll minn din il-maltempata, hekk kif qabdet il-kaxxa ta’ distribuzzjoni tad-dawl.
    Dan wassal biex minflok il-quddies tal-Ħadd filgħodu, il-knisja mtliet minn voluntiera li marru biex inaddfu.
    ONE News tkellem mal-bassar tat-temp fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, Saviour Zerafa li qal kif din il-maltempata kienet l-iżjed qawwija bejn l-erbgħa u l-ħamsa ta’ filgħodu.
    L-aktar postijiet li ntlaqtlu mix-xita kienu Għawdex u n-naħa ta’ fuq ta’ Malta.
    SAVIOUR ZERAFA
    BASSAR TAT-TEMP
    “Kien hemm arja instabbli fuq il-Mediterran u ilna xi jumejn biha din. Fil-fatt kien hemm ħafna sajjetti u dan il-lejl laqtitna naqra mhux ħażin. Hawnhekk irrekkordjajna 24mm ta’ xita u kellna buffura ta’ 28 knots.”
    Din il-maltempata fissret ukoll ħafna ħidma għad-Dipartiment tat-Tindif.
    Id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment, Ramon Deguara spjega li flimkien mal-Protezzjoni Ċivili, l-ewwel prijorità kienet li jitnaddfu t-toroq u jitneħħa kull periklu.
    RAMON DEGUARA
    DIRETTUR ĠENERALI TAD-DIPARTIMENT TAT-TINDIF
    “Dalgħodu qomna b’pajjiż kollu b’maltempata, fejn immedjatament kmieni filgħodu kellna norganizzaw il-loġistika kollha sabiex nimmobilizzaw diversi ħaddiema u makkinarju sabiex dak l-inkonvenjent li nħoloq kmieni ovvjament inkunu nistgħu nerġgħu nagħtuh lura lin-nies, jiġifieri t-toroq jerġgħu jinfetħu sabiex ikunu jistgħu jintużaw mill-pubbliku.”
    L-Uffiċċju Meteoroloġiku mhux qed ibassar aktar maltemp qawwi għas-sigħat li ġejjin, hekk kif l-ajra instabbli mxiet minn fuq Malta.

ความคิดเห็น • 5

  • @lorrainezammit1353
    @lorrainezammit1353 2 ปีที่แล้ว +1

    Dawk urugan ghandhom 4 irjihat

    • @clivepsaila9992
      @clivepsaila9992 2 ปีที่แล้ว +1

      Urugan li mhu sa jghaddi qatt anzi dejjem jitqawwa sakemm jiknes il kulhadd.

  • @clivepsaila9992
    @clivepsaila9992 2 ปีที่แล้ว +1

    L ikbar maltemp fuq tal Pieta kien ghadu u jibqa u min jaf kemm fadallu. = fid dar centrali