KLIEB BULLY MHUX PURI SE JIĠU PPROJBITI

แชร์
ฝัง
  • เผยแพร่เมื่อ 8 ก.ย. 2024
  • ONE.COM.MT • Permezz ta’ liġi sussidjarja, il-Gvern se jkun jirregolarrizza, għall-ewwel darba, iż-żamma u t-tnissil ta’ klieb li jaqgħu taħt razez bully li ma jkunux puri.
    Dan qed isir fid-dawl li jirriżulta li klieb simili jiġu abbandunati b’rata konsiderevoli minħabba l-ħtiġijiet tagħhom. Għaldaqstant, ir-regolamenti l-ġodda se jkunu qed jipproteġu l-benesseri tal-annimali billi jitnaqqas kemm jista’ jkun kull tnissil mhux professjonali.
    KITBA: NOLAN CAMILLERI
    FILMAT: DORIAN BORG / ARKIVJI
    It-Tlieta filgħodu tniedew sett ta’ regolamenti, li se jipprojbixxu ż-żamma u t-tnissil ta’ klieb tar-razza bully. Dawn ir-regolamenti jikkonċernaw biss dawk il-klieb li ma jkollhomx ċertifikat tal-pedigree minħabba li l-ansestrija tagħhom ma tistax tkun traċċata.
    F’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru Anton Refalo u s-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said, ġie spjegat li r-razez, li jaqgħu taħt il-kategorija tal-bullies, għandhom reputazzjoni ħażina, għax huma klieb muskolati u enerġetiċi, li jeħtieġu eżerċizzju qawwi. Minkejja dan, xorta jibqa’ l-fatt li dawn huma klieb ferriħija ħafna, anke jekk, partikolarment fl-imgħoddi, kienu anke jintużaw fi ġlied illegali bejniethom.
    Issa r-regolamenti l-ġodda se jwieġbu għas-sitwazzjoni preżenti fejn jidħlu dawn il-klieb, kif spjegat tajjeb is-Segretarju Parlamentari responsabbli mid-drittijiet tal-annimali.
    ALICIA BUGEJA SAID
    SEGRETARJU PARLAMENTARI
    “Fl-Animal Welfare biss għandna aktar minn mitt kelb, li ġie abbandunat u spiċċa magħluq ġo pan. Aħna, bħala Gvern, nemmnu li post il-klieb mhuwiex magħluq f’santwarju però għandu jkun maħbub minn familja u għaldaqstant nemmnu fil-bżonn li nirregolaw il-breeding fejn jidħlu l-mixed bully breeds.”
    B’hekk, filwaqt li ġie ċċarat kif tali regolamenti mhux qed isiru kontra xi razza jew oħra, ir-reklamar, il-bejgħ, it-tnissil u ż-żamma qegħdin ikunu pprojbiti. Ir-regolamenti, li se jidħlu f’forma ta’ liġi sussidrjarja, se jibdew japplikaw mill-ewwel ġimgħa ta’ Diċembru li ġej.
    Il-projbizzjoni se tkun iffokata fuq dawk il-klieb li jkunu twieldu wara li r-regolamentazzjoni tidħol fis-seħħ, waqt li dawk imwelldin qabel jistgħu jibqgħu jinżammu, għalkemm xorta waħda jridu jiġu rreġistrati permezz taċ-ċippa.
    Taħt l-istess regolamenti jaqgħu il-Kennel Clubs f’pajjiżna, li issa jridu jkunu rreġistrati mal-Kummissarju tal-Għaqdiet Volontarji u mal-Animal Welfare, fost l-oħrajn.
    Il-Ministru Anton Refalo sostna kif l-għan aħħari ta’ dan kollu jibqa’ dak li titħares il-benesseri tal-annimali, filwaqt li jittieħed kont tal-ħtiġijiet tas-soċjetà.
    ANTON REFALO
    MINISTRU
    “Il-ħsieb politiku ta’ dan il-Gvern hu, naturalment, l-aktar punt fundamentali, il-benesseri tal-annimali tagħna. Aħna, bħala Gvern, nafu fejn irridu mmorru nafu xi rridu għal dan is-settur u, għaldaqstant, għamilna liġi wara li ħadna inkonsiderazzjoni l-problemi kollha li hawn fis-settur, speċjalment li għandek santwarji li għandhom ammonti kbar ta’ annimali.”
    Għal min jikser tali regolamenti, se jkun hemm multi amministrattivi ta’ mhux aktar minn elf ewro, iżda f’każi aktar serji se japplikaw proċeduri kriminali b’multi li saħansitra jlaħħqu t-tmenin elf ewro u sa tliet snin priġunerija.

ความคิดเห็น •