L-EBDA NEGLIĠENZA FIL-MEWT TA’ MANGION

แชร์
ฝัง
  • เผยแพร่เมื่อ 16 ก.ย. 2024
  • ONE.COM.MT • L-inkjesta tal-Maġistrat Joe Mifsud ma sabet l-ebda negliġenza min-naħa tat-tobba u l-infermieri fil-kura li ngħatat lil Stephen Mangion dakinhar tal-mewt tiegħu fid-Dipartiment tal-Emerġenza nhar it-28 t’Awwissu.
    L-istħarriġ mill-esperti tal-Qorti kkonkluda li Mangion fittex l-għajnuna medika ħmistax-il siegħa wara li bdew is-sintomi, waqt li tliet ECGs, li sarulu, ma indikaw l-ebda riskji.
    KITBA: FRANCESCO BORG
    FILMAT: ARKIVJI
    L-inkjesta maġisterjali dwar il-mewt ta’ Stephen Mangion ma sabet l-ebda prova li l-istaff mediku fl-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei u fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana naqas biex jassistu lir-raġel ta’ 55 sena nhar it-28 t’Awwissu li għadda, minħabba xi traskuraġni jew dewmien.
    L-inkjesta, b’total ta’ 500 paġna, saret mill-Maġistrat Joe Mifsud u ġiet konkluża fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, kif żvela ONE News. Jirriżulta mid-data tal-inkjesta, li din ġiet ippreżentata lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali t-Tnejn.
    Il-konklużjonijiet tagħha jisħqu li ħadd mit-tobba u/jew l-infermieri, li assistew lil Mangion fis-sigħat ta’ bil-lejl, m’għamel xi ħaġa ħażina fit-twettiq tad-dmirijiet tagħhom, anzi dawn ukoll aġixxew minnufih u fl-inqas ħinijiet.
    L-investigazzjonijiet, li saru minn diversi esperti mqabbdin mill-Qorti, stabbilixxew li Mangion ħass l-ewwel sintomi ta’ wġigħ f’sidru fl-erba’ ta’ filgħodu fl-istess jum, iżda dam biex jirrikorri għal assistenza medika għal ħmistax-il siegħa, minkejja pariri minn tal-familja u ħbieb, li qalulu biex ifittex l-assistenza medika fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana.
    L-inkjesta sabet ukoll li Mangion ma kienx qed jieħu l-mediċini preskritti lilu għall-pressjoni għolja, li kien ibati minnha.
    L-esperti tal-Qorti kkonkludew li l-professjonisti fil-kura tas-saħħa, f’dik il-ġurnata, għamlu dak kollu possibbli biex isalvaw il-ħajja ta’ Mangion. Fil-fatt, jirriżulta li sarulu total ta’ tliet ECGs, wieħed fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana u tnejn oħrajn fl-Isptar Mater Dei, u l-ebda wieħed minnhom ma indika xi riskju immedjat ta’ attakk tal-qalb.
    L-inkjesta nnotat ukoll is-sitwazzjoni fid-Dipartiment tal-Emerġenza dakinhar fejn, bejn is-sebgħa u kwart u d-disgħa neqsin kwart, 13-il ambulanza kienu barra fuq xogħol u, għalhekk, ma kien hemm l-ebda waħda disponibbli biex Mangion jittieħed Mater Dei miċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana.
    Kien hawn li ħabib ta’ Mangion, li akkumpanjah, offra hu stess li jwasslu sal-Isptar. Jirriżulta li l-istess persuna hi infermier.
    Instab li dakinhar, 251 pazjent żaru d-Dipartiment tal-Emerġenza, b’aktar minn nofshom ikklassifikati bħala urġenti.
    B’hekk l-inkjesta, li issa tinsab f’idejn l-Avukat Ġenerali, issuġġeriet li l-ebda ħaddiem tal-kura tas-saħħa m’għandhom jiffaċċjaw prosekuzzjoni kriminali relatata mal-mewt ta’ Mangion.
    Ir-rapport tal-inkjesta, li tmexxiet parallela wkoll ma’ oħra ordnata mill-Ministru għas-Saħħa Jo Etienne Abela dwar l-operat tas-servizzi tas-saħħa, jappella wkoll għall-introduzzjoni mill-ġdid ta’ kundanna ta’ priġunerija għal malafama u tixrid intenzjonat ta’ misinformazzjoni fuq terzi persuni, li kienet tneħħiet mal-eliminazzjoni tal-libell kriminali.
    Dan b’rabta ma’ fake profile fuq Facebook, taħt l-isem ta’ Manuel Debono, li allega affarijiet mhux minnhom fil-każ, sempliċiment biex jitfa’ f’dell ikrah is-sistema tal-kura tas-saħħa. Dan seħħ anke minn esponenti tal-Partit Nazzjonalista, inkluż l-eks Deputat Jason Azzopardi, li rikbu fuq l-istess karru tal-misinformazzjoni li nxterdet.
    Azzopardi saħansitra ddikjara li dan mhu xejn għajr “qtil involontarju”.
    Ir-rapport tal-Maġistrat Mifsud talab ukoll lill-Pulizija biex twissi lil ċerti individwi identifikati minn esperti tas-cybercrime biex joqogħdu lura milli jikkummentaw pubblikament f’ċirkostanzi traġiċi qabel ma l-fatti jkunu magħrufin għal kollox.
    Waqt li l-Maġistrat ukoll faħħar lill-familja talli kkundannat pubblikament lil dawk li użaw il-mewt ta’ Mangion biex ixerrdu misinformazzjoni, ir-rapport issuġġerixxa li l-inkjesta ssir pubblika biex jitneħħa l-allarm pubbliku kkawżat minn tali allegazzjonijiet.
    It-talba ġiet milqugħa mill-Ministeru għas-Saħħa li t-Tlieta waranofsinhar ippubblika l-proċess verbal tal-inkjesta maġisterjali, wara li ħass li jkun għaqli u fl-interess pubbliku li jagħmel dan, waqt li eskluda l-kummenti u d-dettalji personali tax-xhieda.

ความคิดเห็น •