DAR SAURA LILL-MALTA TRUST FOUNDATION

แชร์
ฝัง
  • เผยแพร่เมื่อ 4 ก.ค. 2024
  • ONE.COM.MT • Il‑Knisja se tkun tagħti proprjetà b’valur ta’ ħamsa u għoxrin miljun ewro lill-Malta Trust Foundation biex toħloq vuċi għal tfal u żgħażagħ li huma vulnerabbli. Iċ-ċentru tal-mużika Villabianca se jkun qed jimxi wkoll għal Dar Saura biex tonqos il-lista ta’ stennija.
    KITBA: SHANAYA FARRUGIA
    FILMAT: KURJA
    Dar Saura fir‑Rabat se tinbidel f’ċentru għat-tfal u żgħażagħ b’diżabilità wara li l‑Arċidjoċesi ta’ Malta għaddiet din il‑proprjetà, b’valur ta’ ħamsa u għoxrin miljun ewro, lill-Malta Trust Foundation għal 65 sena.
    Din id‑dar, li tmur lura għas‑Seklu 17 u li sa ftit tax-xhur ilu kienet isservi bħala dar tal‑anzjani, se terġa’ tieħu l‑ħajja hekk kif iċ-ċentru Villabianca, l‑ewwel tax-xorta tiegħu f’Malta għall‑mużika u l‑arti, se jitmexxa fiha wkoll biex tiġi indirizzata l‑lista twila ta’ stennija.
    Dan il-ftehim sar waqt ċerimonja fil‑preżenza tal‑Arċisqof Charles J. Scicluna u ċ‑Chairperson tal-Malta Trust Foundation, il-President Emeritu Marie‑Louise Coleiro Preca.
    L-Arċisqof Scicluna tenna li hu ta’ pjaċir tara proprjetà tal‑Knisja tintuża bl‑aħjar mod, meta l‑għan ewlieni tagħha jkun skop soċjali, speċjalment biex tgħin lil dawk li għandhom bżonn l‑aktar għajnuna.
    CHARLES J. SCICLUNA
    L-ARĊISQOF
    “L-ewwel nett hu mod kif aħna nivvalurizzaw il-patrimonju tagħna, li ma nħalluhx jintilef, imma li nużawh biex jirrispondi għal xi ħaġa li hu bżonn attwali u fuq kollox hu bżonn li jivvalurizza l-persuna, li jgħinha u li jagħtiha futur sabiħ. Huwa sinjal ta’ tama.”
    Coleiro Preca ddeskriviet il‑ftehim bħala wieħed storiku li se jpoġġi lil Malta bħala ċentru fil‑Mediterran għat-tfal u għaż‑żgħażagħ, li minħabba l‑isfond jew id‑diżabilità tagħhom sabuha diffiċli jiżviluppaw il‑potenzjal tagħhom.
    MARIE LOUISE COLEIRO PRECA
    CHAIRPERSON, MALTA TRUST FOUNDATION
    “Il-missjoni tagħna hi li naħdmu biex komunitajiet ta’ tfal u żgħażagħ vulnerabbli, inkunu nistgħu nagħtuhom l-appoġġ li għandhom bżonn u l-familji tagħhom ħalli jkunu jistgħu jiksbu d-dinjità, jiksbu dik id-diċenza umana li tant hi importanti u fl-istess waqt inwettqu l-valuri tal-ġustizzja soċjali.”
    Minbarra dan kollu, il‑medda kbira ta’ art f’Dar Saura se tippermetti lill‑fondazzjoni biex toħloq ċentru għal occupational therapy, intrapriża soċjali, swali għat‑taħriġ, petting farm u kamra multisensorjali.
    Eventwalment, il‑pjan hu li jkun hemm ukoll appartamenti żgħar għal terapisti barranin tal‑mużika u professjonisti oħrajn li jaħdmu fiċ‑ċentru, kif ukoll spazju għall‑workshops.
    Se jinfetħu wkoll kafetterija u restorant, li se jkun finanzjarjament aċċessibbli għall‑familji u jitmexxew speċifikament minn żgħażagħ b’diżabilità.
    Din hi t‑tieni darba fl-aħħar ħames snin li l‑Arċidjoċesi qed tagħti proprjetajiet biex tgħin lil NGOs biex ikomplu jagħmlu differenza tanġibbli fis-soċjetà.

ความคิดเห็น •