VUĊI FAVUR IL-ĠENERAZZJONI ŻAGĦŻUGĦA

แชร์
ฝัง
  • เผยแพร่เมื่อ 18 ก.ย. 2024
  • ONE.COM.MT •L-aħbar tat-tqassim tal-portafolli Ewropej, inkluż dak lil pajjiżna, ġabet diversi reazzjonijiet pożittivi, kif se naraw fis-servizz li jmiss.
    KITBA: FRANCESCO BORG
    FILMAT: ARKIVJI
    Kienu ħafna li rreaġixxew għall-portafoll, li ngħata n-nominat Malti għal Kummissarju Ewropew, Glenn Micallef, li se jkun responsabbli mill-oqsma taż-żgħażagħ, il-ġustizzja bejn il-ġenerazzjonijiet, l-isport u l-kulutura.
    Fil-fatt, il-Prim Ministru Robert Abela spjega li hu sodisfatt b’dan, għax jibgħat messaġġ b’saħħtu ħafna min-naħa tal-Kummissjoni, li hu l-istess mal-messaġġ li bagħat il-Gvern Malti.
    ROBERT ABELA PRIM MINISTRU
    “Il-proposta ta’ Glenn biex ikun in-nominat ta’ Malta bħala Kummissarju għall-Kummissjoni Ewropea kienet xprunata mit-twemmin b’saħħtu li għandi jien fl-abbiltajiet taż-żgħażagħ u tal-ġenerazzjoni żgħażugħa. Jien qatt ma kont lest naċċetta il-fattur limitattiv tal-età. Għalija, Glenn kellu l-għarfien tekniku biex jokkupa dan ir-rwol, li anke ġie rikonoxxut mill-Kummissjoni, per` anke fl-assensjoni ta’ dekasteru li tatu.”
    Fi stqarrija, il-Gvern Malti wkoll innota b’sodisfazzjon li n-nominat ta’ Malta ntlaqa’ mill-President tal-Kummissjoni Ewropea u ġie fdat bil-portafoll li jħalli impatt fuq dawk, li huma l-preżent u l-futur tal-Unjoni Ewropea.
    Ingħad li Micallef qed jingħata portafoll b’temi importanti, li pajjiżna dejjem imbotta fuq l-aġenda nazzjonali u dik Ewropea, waqt li implimenta bidliet importanti li wasslu għal riformi li taw aktar vuċi.
    Il-Gvern żied jgħid li jemmen li ż-żgħażagħ huma l-katalisti tas-suċċess tal-lum u ta’ għada, iżda mhux biss, ladarba l-ġenerazzjonijiet, flimkien mal-isport u l-kultura, huma aspetti importanti oħrajn favur il-kwalità tal-ħajja tan-nies.
    Il-Gvern jinnota kif in-nomina żagħżugħa ta’ pajjiżna qed tiġi fdata b’portafoll importanti għall-futur taċ-ċittadini Ewropej u jħares ’il quddiem li jkompli jaħdem mal-Kummissjoni Ewropea favur il-ġid komuni taċ-ċittadini kollha tal-istati membri.
    Anke l-Partit Laburista awgura lil Micallef, li sejjaħ il-portafoll li ngħatalu bħala wieħed importanti, li qed jiġi fdat f’idejn vuċi b’saħħitha u żagħżugħa minn Malta.
    Intqal kif dan jixhed li l-Gvern Laburista tabilħaqq jemmen fiż-żgħażagħ, fil-kultura u l-isport li huma importanti fl-iżvilupp tal-kwalità tal-ħajja tal-familji tagħna.
    Il-Partit Laburista qal ukoll li hu ta’ dispjaċir li, minflok ferħet li l-Kummissarju nominat ta’ pajjiżna jista’ jkun il-vuċi tal-ġenerazzjoni żagħżugħa, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ħarġet tattakka lill-Prim Ministru li ressaq isem Glenn Micallef.
    Atteġġjament mill-Oppożizzjoni li, fi kliem il-Partit Laburista, hu insult għaż-żgħażagħ inġenerali. Il-Partit Laburista appella lill-Oppożizzjoni biex ma tkomplix taqa’ għal livelli baxxi, iżda tagħmel sforz biex tintrefa’ ’l fuq mill-partiġġjaniżmu li hi dejjem iffisata fuqu.
    Il-Partit Laburista awgura lil Glenn Micallef għall-pass li jmiss f’dan il-proċess biex ikompli jagħmel lil pajjiżna kburi b’ħidma importanti fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea.
    Anke ż-Żgħażagħ Laburisti laqgħu l-aħbar u qalu li Micallef se jkun katalist importanti biex tonqos id-diskrepanza li teżisti bejn il-ġenerazzjonijiet.
    Il-fergħa Laburista qalet li dan hu pass importanti biex iż-żgħazagħ jingħataw pjattaforma aktar b’saħħitha fuq livell Ewropew u din id-deċiżjoni hi xhieda ċara ta’ kif iż-żgħażagħ huma l-mexxejja tal-preżent, konvinta wkoll li Micallef se jkun rappreżentant denju.

ความคิดเห็น •