JITKELLEM DWAR OFFERTA TA’ €1,500 BIEX IL-KOĦĦU MA JSEMMIHOMX

แชร์
ฝัง
  • เผยแพร่เมื่อ 4 ต.ค. 2024
  • ONE.COM.MT • Dalgħodu fil-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-każ kontra l-aħwa Robert u Adrian Agius magħrufa bħala tal-Maksar, Jamie Vella u George Degorgio magħruf bħala ċ-Ċiniż, ħarġu dettalji ta’ offerta ta’ elf u ħames mitt ewro biex Vincent Muscat magħruf bħala l-Koħħu ma jsemmix lil Jamie Vella u Robert Agius. Dan għalkemm ix-xhud ma setax jagħraf ir-raġel li avviċinah u li kien qallu li jismu ‘Jamie’.
    KITBA: COLIN DEGUARA
    FILMAT: ARKIVJI
    “Avviċinani ċertu ‘Jamie’ f’ħanut tal-kafè u offra €1,500 biex ma jissemmewx minn Vincent Muscat ‘il-Koħħu’.” Dan ħareġ minn wieħed mix-xhieda f’seduta li fiha kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-każ kontra l-aħwa Robert u Adrian Agius magħrufa bħala tal-Maksar, Jamie Vella u George Degorgio magħruf bħala ċ-Ċiniż. Dawn qed ikunu mixlija b’akkużi relatati mal-omiċidju tal-avukat Carmel Chircop u d-delitt ta’ Daphne Caruana Galizia. Xhud li ismu ma jistax jissemma spjega kif waqt li kien qiegħed f’ħanut tal-kafè li jiffrekwenta ta’ kuljum ġie avviċinat minn persuna li identifikat ruħha bħala ‘Jamie’. Dan urieh raġel ieħor li kien fuq il-bankina ta’ faċċata tal-ħanut u wara li qallu li dak kien Robert Agius żied jgħidlu li huma kienu lesti jħallsu €1,500 biex Vincent Muscat il-‘Koħħu’ ma jsemmihomx. Meta kien mistoqsi jiddeskrivi lill-persuna li avviċinatu huwa qal li dan kellu xagħru kannella. Hawnhekk l-akkużat ‘Jamie Vella’ deher idur u jagħti b’rasu filwaqt li deher jitbissem minn fuq il-maskra. Mix-xhieda tiegħu ħareġ ukoll kif meta l-pulizija talbuh jagħraf lil dawk li avviċinawh huwa ma setax jidentifika lill-imputati. Ix-xhud spjega li għandu għajn li hija dgħajfa.Meta ġie biex jagħmel il-mistoqsijiet tiegħu, l-avukat tal-‘parte civile’ Jason Azzopardi qam argument fil-Qorti dwar jekk il-‘parte civile’ għandiex dritt tagħmel kontro-eżami ta’ xhud li ressqet il-prosekuzzjoni. Dan għaliex f’kontro-eżami jistgħu isiru mistoqsijiet diretti. Il-Qorti ddeċidiet li l-parte civile f’dan il-każ tista’ tagħmel biss l-eżami tax-xhieda tal-prosekuzzjoni. Fl-awla xehed ukoll ċertu John Bugeja li għamel xi żmien jikri l-garaxxijiet mingħand Robert Agius. Huwa spjega kif kien xtara żewġ trailers mingħandu għall-prezz ta’ €96,000. Spjega kif għad fadallu ftit dejn miegħu sal-lum il-ġurnata u għalhekk meta staqsieh biex jikri garaxx fil-Mosta fuq ismu huwa kien obbligat lejh. Dan b’referenza għal garaxx li fih allegatament inżammet il-bomba li ntużat fid-delitt ta’ Daphne Caruana Galizia. Wara li spjega li huwa kien ta ċ-ċwievet lil Robert Agius, mill-ewwel id-difiża staqsiet jekk ix-xhud kienx jaf min effettivament kien qed jagħmel użu minnu l-garaxx u dan wieġeb fin-negattiv. Fil-Qorti xehdu wkoll uffiċjali tal-pulizija li kellhom irwol attiv fit-tfittxijiet li saru fil-karozza u r-residenza ta’ Adrian Agius. Fil-Qorti ġie spjegat kif fost l-affarijiet li nstabu fil-karozza kien hemm pakkett b’sustanza kannella f’kaxxa taħt is-seat tax-xufier u sittin karta tal-ħamsin ewro marbutin flimkien. Taħt il-karozza nstabu wkoll żewġ boroż żgħar b’sustanza bajda wara li Agius deher jitfa’ xi ħaġa taħt il-karozza.

ความคิดเห็น •