ĠRAJJA LI TIXHED IR-REŻILJENZA TAL-MALTIN

แชร์
ฝัง
  • เผยแพร่เมื่อ 10 ก.ย. 2024
  • ONE.COM.MT • F’ċerimonja simbolika, li fakkret il-ġrajja storika tal-Konvoj ta’ Santa Marija, il-President tar-Repubblika Myriam Spiteri Debono tat numru ta’ riflessjonijiet dwar kif ir-reżiljenza partikolari, li ssawret f’ġensna mal-milja taż-żmien, inkluż b’dak li ġara tnejn u tmenin sena ilu.
    Tenniet li dak li għaddew minnu missirijietna, għandu jixprunana, bħala poplu, biex inkomplu naħdmu favur il-paċi fid-dinja, minkejja li ċ-ċokon tagħna.
    KITBA: ANTON FALZON
    FILMAT: OPR
    Waqt attività, organizzata mill-fergħa Maltija tal-George Cross fir-Royal British Legion biex jitfakkar it-tnejn u tmenin anniversarju tal-wasla tal-Konvoj ta’ Santa Marija, il-President tar-Repubblika Myriam Spiteri Debono qalet li, bħala Maltin, għandna ngħożżu din il-ġurnata.
    Saħqet li l-wasla tal-provvisti tant essenzjali ta’ ikel u fjuwil, fl-eqqel tat-Tieni Gwerra Dinjija, iddaħħlet Malta f’xita ta’ bombardamenti mill-għadu u wara diversi tentattivi falluti qabel, li ħallew lill-poplu Malti u Għawdxi f’xifer li jċedi.
    Saħqet li missirijietna wkoll qisu l-ġrajja tal-1942 bħala miraklu, fi żmien li kollox kien qed jiskarsa.
    Il-President Spiteri Debono fakkret kif minn erbatax-il vapur, dakinhar kienu ħamsa biss mill-konvoj li waslu bil-ħniena fil-Port il-Kbir.
    Waqt li qalet li dan kien suċċess numeriku għall-forzi tal-Assi, immexxijin min-Nażisti fil-Ġermanja u l-Faxxisti fl-Italja, fissret ukoll rebħa strateġika għall-Alleati. Dan għax dakinhar ġew evitati kemm il-ġuħ u l-għaks għall-Maltin kif ukoll il-waqgħa tad-difiża f’pajjiżna mill-forzi militari Britanniċi fostna.
    Il-President qalet li, fit-tmienja u tmenin anniversarju tal-Operation Pedestal, l-isem li ngħata lill-missjoni li salvat lil Malta, għandna wkoll niċċelebraw is-saħħa u r-reżiljenza tal-poplu tagħna u tal-forzi Britanniċi.
    Fakkret lil dawk li tilfu ħajjithom fit-Tieni Gwerra Dinjija, fost it-tbatijiet kollha li ġab dan il-konflitt dinji, inkluż l-imblokk ta’ pajjiżna, waqt li qalet li dan kollu jagħmilna konxji tal-inġustizzji li kull gwerra ġġib magħha.
    MYRIAM SPITERI DEBONO
    IL-PRESIDENT TAR-REPUBBLIKA
    “The sufferings of the people in the Middle East, as well as the war in Ukraine are reminders that humanity is not yet forsaken, violence and atrocity, but is still employing atrocity and violence and fostering more hatred instead of reconciliation.”
    Qalet li biex inkunu denji ta’ missirijietna u biex niżguraw li l-imwiet u t-tbatijiet ta’ dawk qabilna ma kinux għalxejn, il-ġenerazzjonijiet tagħna llum għandna d-dmir Kostituzzjonali li nikkontribwixxu b’mod attiv għall-paċi, minkejja ċ-ċokon ta’ pajjiżna.
    Qalet li flimkien għandna nistinkaw għal aktar armonija fid-dinja, bla mwiet u gwerer, iżda, minflok, ikun hawn aktar diskussjoni u djalogu, għodod importanti biex tinkiseb il-paċi.

ความคิดเห็น •