JITRESSQU L-QORTI MIXLIJA B’ATTENTAT TA’ SERQ U ĦSARA FUQ CABLES

แชร์
ฝัง
  • เผยแพร่เมื่อ 7 ก.พ. 2025
  • ONE.COM.MT • Nhar il-Ħadd, il-Qorti fetħet b’urġenza, biex tisma’ żewġ każijiet, wieħed b’rabta ma’ attentat ta’ serq u ħsara fuq cables u l-ieħor dwar allegat aggressjoni fil-Fgura.
    Id-dettalji f’dan is-servizz mill-Awli tal-Qorti.
    KITBA: RUSLANA BARBARA
    FILMATI: ALEX BORG
    Dominic Oziegbe, Niġerjan ta’ 35 sena u David Scicluna ta’ 39 sena, residenti f’Marsaskala, u Shardian Camilleri, ta’ 30 sena, residenti f’Ħaż-Żabbar, tressqu l-Qorti mixlija b’attentat ta’ serq u ħsara fuq cables, nhar is-Sibt filgħodu.
    Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni spjegat li rċeviet rapport ta’ ħsarat, mingħand kumpanija tat-telekomunikazzjoni, hekk kif il-klijenti tal-akwati, spiċċaw mingħajr servizz tal-internet.
    Intqal li meta l-Pulizija, marru fuq il-post sabiex jassistu f’mina taħt l-art, qrib il-Ġonna tal-Argotti fil-Furjana, huma sabu xi persuni lebsin ilbies protettiv, mgħammra bl-għodda u b’diversi cables imremblin, li ħejjew sabiex iġorruhom magħhom.
    David Scicluna, li fil-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Kevan Azzopardi, qal li ma jaħdimx, wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
    Fi stqarrija mill-Pulizija, intqal li Scicluna, deher iġorr xi cables, u malli nduna bil-preżenza tal-Pulizija ipprova jaħrab, filwaqt li avża liż-żewġ imputati l-oħrajn bil-preżenza tal-Pulizija. Malli l-Pulizija ordnatlu joħroġ minn fejn kien qed jistaħba, huwa ħareġ u ġie arrestat.
    Intant, Ogizbe, li qal li jaħdem fl-aluminium u Camilleri, li qal li ma jaħdimx, ammettew għall-akkużi miġjuba kontrihom.
    Saret ukoll talba għal rikors, għall-ispejjeż li sofriet il-kumpanija, responsabbli għal dawn il-cables, li jammontaw għal bejn wieħed u ieħor, €4,500.
    Il-Qorti tat is-sentenza ta’ sentejn priġunerija, sospiżi għal erba’ snin lil Camilleri u lil Ogiezbe, filwaqt li ordnatilhom iħallsu l-ispejjeż, permezz ta’ ħlasijiet ta’ €100 fix-xahar.
    Dan filwaqt li l-proċeduri kontra David Scicluna, huma mistennija li jkomplu, hekk kif huwa m’ammettiex u nżamm arrestat.
    Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Jeffrey Rizzo, Darryl Borg u l-Avukat Brandon Bonnici f’isem l-uffiċju tal-Avukat Ġenerali.
    JINŻAMM ARRESTAT MIXLI LI ĦEBB GĦAL ŻAGĦŻUGĦ B’SIKKINA
    Title Portal: L-allegat każ seħħ fil-Klabb tal-Boċċi tal-Fgura.
    Christian Said, ta’ 40 sena, magħruf bħala ‘x-Xewka’, mill-Fgura, u li jaħdem fis-settur tal-kostruzzjoni, tressaq il-Qorti, mixli li kkawża ġrieħi gravi, meta allegatament ħebb għal żagħżugħ ta’ 25 sena b’sikkina.
    Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
    L-allegat każ seħħ nhar is-17 ta’ Novembru, fejn il-Klabb tal-Boċċi, fi Triq Pace u Grasso fil-Fgura.
    Fil-Qorti, ppreseduta mill-Maġistrat Kevan Azzopardi, intqal li ż-żagħżugħ sofra xi ġrieħi permezz ta’ sikkina, fuq idejh u fuq il-polz, filwaqt li qal lill-Pulizija li huwa kien involut f’argument, dan filwaqt li l-imputat allegatament ħarab minn fuq il-post.
    Intqal li aktar tard, il-Pulizija tal-komunità, li assistew ukoll fil-post fejn sar l-allegat reat wara li semgħu xi għajjat, rawh għaddej b’sikkina f’idu.
    Il-Prosekuzzjoni, spjegat kif il-Pulizija marret sabiex tarrestah fir-residenza t’ommu, fejn irriżulta li ma kienx hemm. Aktar tard huwa mar fl-għassa ta’ Raħal Ġdid, minn jeddu, fejn ġie arrestat.
    Id-Difiża, mmexxija mill-Avukati José Herrera u Matthew Xuereb għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest, liema talba għandha tiġi deċiża fis-seduta li ġejja.
    Din it-talba sabet l-oġġezzjoni tal-Prosekuzzjoni, hekk kif hemm il-biża’ ta’ intralċ tal-provi, anke hekk kif jgħix fil-viċin tal-post fejn seħħet l-allegat aggressjoni, u għad hemm xhieda u l-vittma li għadhom iridu jixhdu. Dan filwaqt li l-imputat kiser żewġ ordnijiet tal-bail, fuq reat simili.
    Saret ukoll talba sabiex issir vista minn tabib, minħabba xi ġrieħi viżibbli li għandu l-imputat, li huma diġà magħluqa. Huwa ntalab juri tali ġrieħi wkoll fil-Qorti u b’hekk il-Qorti ordnat li jittieħed f’Ċentru tas-Saħħa mill-aktar fis possibli, sabiex dawn il-ġrieħi jiġu dokumentati.
    Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Keith Rizzo, u Antonello Magri, u l-Avukat Rebekah Spiteri, f’isem l-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali.

ความคิดเห็น • 1