THEUMA JTENNI LI FENECH QALLU BIEX JOQTOL LIL DCG

แชร์
ฝัง
  • เผยแพร่เมื่อ 7 มิ.ย. 2020
  • ONE.COM.MT • Fil-qorti illum kompliet il-kumpilazzjoni kontra n-negozjant Yorgen Fenech, is-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
    Il-prosekuzzjoni infurmat lill-Qorti li l-investigazzjonijiet tal-pulizija għadhom għaddejjin fosthom fuq dikjarazzjonijiet li qed jagħmel il-middleman Melvin Theuma.
    KITBA NICOLE BUTTIGIEG
    FILMAT ARKIVJI
    Il-middleman Melvin Theuma, ix-xhud ewlieni fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, taħt ġurament qal li hu fuq terzi persuni oħra, fosthom Keith Schembri u Chris Cardona, ma jaf xejn u lanqas fuq l-involviment tagħhom fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
    It-Tnejn filgħodu kompliet il-kumpilazzjoni kontra n-negozjant Yorgen Fenech, is-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
    Theuma reġa’ rrepeta li kien Fenech li qabdu joqtol lil Caruana Galizia.
    Taħt ġurament, Melvin Theuma qal li Yorgen Fenech beda jgħidlu l-istejjer fuq Chris Cardona, wara li kienu jiġu allegati stejjer fuqu fil-midja, fosthom meta ġie allegat li Cardona mar f’burdell il-Ġermanja.
    Mistoqsi mill-Ispettur Keith Arnaud, Melvin Theuma qal li hu kien jistrieħ meta Yorgen Fenech kienu jgħidlu stejjer fuq terzi persuni, fosthom fuq Chris Cardona meta kien qallu li nstab in-numru ta’ Cardona fil-mobile ta’ Alfred Degiorgio fil-baħar ħdejn it-tinda tal-patata, għax kien jgħid li l-istorja se tingħalaq fuq Chris Cardona jew persuna oħra mhux fuqu jew fuq Yorgen Fenecg.
    “Jien bdejt nagħmilha ma’ Yorgen li huwa ljun, jaf il kulħadd, u jien nemusa. Beda jgħidli ħafna affarijiet ma kontx naf humiex vera jew le. Jien tant kemm kont ħażin li spiċċajt f’dipressjoni, b’Yorgen kien jaf u kien itini l-pilloli” xehed Theuma.
    Quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello, Melvin Theuma qal li meta sema li Vince Muscat jrid jikxef, beda jibża’ aktar.
    “Jien anki lil Matthew Caruana Galizia, li għandi n-numru tiegħu, ridt ngħidlu b’kollox. Anki lill-kbir tal-Knisja ridt ngħid. Għax imbagħad darba smajt fuq programm tal-gazzetti li kienu ġabu storja li hemm negozjant involut fil-qtil. Hemmhekk iktar iġennint u ridt nitkellem.”
    Qal li hu ma tkellimx qabel għax Fenech kien jgħidlu li lilhom ma jistgħu jagħmlulu xejn u kien jgħidlu li għandu lill-eks Assistent kummissarju Silvio Valletta u l-eks chief of staff Keith Schembri ituh l-informazzjoni.
    Qal li prova kemm il-darba jmur id-depot biex jikxef kollox imma kien jasal sal-Pietà u jdawwar lura għax ma kellux il-kuraġġ.
    Melvin Theuma qal li meta ġie arrestat fuq ħasil ta’ flus beda jsaqsi sabiex ikellem lill-ispettur Keith Arnaud għax kien sema fl-aħbarijiet li qed jinvestiga l-każ, u ried jikxef kollox dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
    Taħt ġurament Melvin Theuma qal li qabel ġie arrestat f’Novembru li għadda mill-Ispettur Nicholas Vella fuq akkużi ta’ ħasil ta’ flus, għalqulu kont li kellu l-HSBC u irċieva ittra li ma setax jixtri appartament f’San Ġwann u kien se jselfu flus Fenech biex jixtri l-appartament. Qal li kulħadd beda jgħidlu li ġej l-inkwiet u se jinvestigawh.
    Theuma allega li Johann Cremona kien qallu li se jġiblu statement bil-mistoqsijiet li se jsaqsuh il-pulizija. Imma fil-verita xejn ma ġara u ħadd ma tah xejn. Bi Cremona qallu ukoll li l-ispettur Raymond Aquilina huwa mill-aħjar.
    Qal li l-Ħadd qabel ġie arrestat kellu argument ma’ Yorgen Fenech, għax kellu jgħidlu meta u fejn se jiġu jarrestawh il-pulizija. Imma ħadd ma tah xejn.
    B’Theuma xehed: “Lili Yorgen Fenech qalli li meta kont se niġi arrestat kien se jmur barra d-depot jieħu t-te u l-pastizzi, jistennini ħiereġ, imma minflok waqt li jien kont arrestat Yorgen Fenech mar dawra bid-dgħajsa.”
    Melvin Theuma qal li darba kien qal lil Yorgen biex ikellem lil dak ta’ Ħal Luqa, referenza għall-eks Kummissarju Lawrence Cutajar.
    Hawnhekk irrakonta li l-ħabib tiegħu Edwin Brincat, mar ikellem lil dak ta’ Ħal Luqa, fuq ċitazzjoni. Brincat qallu li l-eks Kummissarju kien saqsih jekk Melvin Theuma għandux xi recordings dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, bl-ispettur Arnaud informa lil qorti li Brincat kien ġie arrestat ukoll.
    Theuma qal li darba lil Johann Cremona kien qallu li hu għandu lill-Kummissarju cutajar jaqbeż għalih imma dan ma kienx veru. Theuma qal li dan qal hekk biex jibblufja għax hu la jaf u lanqas qatt iltaqa’ mal-eks Kummissarju Cutajar qabel ġie arrestat.
    L-ispettur Keith Arnaud qal lil Qorti li kull dikjarazzjoni li għamel Melvin Theuma qed tiġi investigata.
    Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-ispettur Keith Arnaud u Kurt Zahra.

ความคิดเห็น •