IL-PURĊISSJONI S-SEWDA TIEĦU L-ĦAJJA MILL-ĠDID

แชร์
ฝัง
  • เผยแพร่เมื่อ 20 ก.ย. 2024
  • ONE.COM.MT •
    KITBA: SANDRO MANGION
    FILMATI: BJORN BONELLO
    Il-ħsejjes tal-ktajjen twal tal-fratelli jitkaxkru mal-art iqanqal il-memorja kollettiva tagħna dwar il-qaddiefa lsiera tal-galeri, imxekklin, li, fi żmien l-Ordni tal-Kavallier ta’ San Ġwann, kull nhar l-Erbgħa tat-Tniebri kienu jimxu wara xulxin f’dawn l-istess toroq tal-Birgu.
    Dan l-avveniment kiebi, li kien joħroġ mill-Knisja tal-Madonna tal-Karmnu ta’ max-xatt, kien jissejjaħ il-Purċissjoni s-Sewda u, għax fih kienu jieħdu sehem ukoll il-qaddiefa, kienu jsibuha wkoll bħala l-Purċissjoni tal-Ilsiera.
    Wara li dan l-avveniment annwali miet mewta naturali fil-bidu tal-ħakma Ingliża, fl-2019 l-Arċipriet u l-Kapitlu tal-Kolleġġjata ta’ San Lawrenz, flimkien mal-Kummissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira tal-Birgu, reġgħu bdew jagħtuh il-ħajja mill-ġdid. Iżda kollox kellu jieqaf ħesrem minħabba l-pandemija. Il-purċissjoni reġgħet saret is-sena l-oħra u din is-sena, u r-rispons tan-nies kien inkoraġġanti ħafna. Il-verżjoni l-ġdida tal-purċissjoni qed toħroġ mill-Oratorju tal-Kurċifiss, li jinsab maġenb il-Knisja ta’ San Lawrenz.
    Bosta kienu l-fratelli, bosta minnhom mgħammda, u wħud ħafjin u bil-ktajjen ma’ saqajhom, li mxew fil-purċissjoni, filwaqt li ġarrew fanali u slaleb. Ħadu sehem ukoll il-Kavallieri tas-Santu Sepulkru.
    Ir-riċerkatur Ġorġ Agius, li huwa wkoll is-Segretarju tas-Soċjetà Storikokulturali tal-Belt Vittoriosa qal lil ONE News li l-Purċissjoni s-Sewda kienet waħda minn erbgħa purċissjonijiet li fl-imgħoddi kienu jsiru fil-Birgu fil-Ġimgħa Mqaddsa. X’aktarx li din il-purċissjoni kienet imnebbħa minn dawk ta’ Spanja jew ta’ Sqallija. Huwa spjega għaliex tissejjaħ ‘sewda’.
    ĠORĠ AGIUS
    MIS-SOĊJETÀ STORIKOKULTURALI TAL-BELT VITTORIOSA
    “Għalfejn ‘sewda’? Għax kienet toħroġ fl-Erbgħa tat-Tniebri, isimha magħha, ġurnata tad-dlamijiet. Kienu jilbsu kunfratija sewda, kif hawn ħafna wkoll illum minnhom, u kienu jkunu bil-ktajjen u tard bil-lejl, dak iż-żmien b’daqxejn tnemnima ta’ xi lampa. Allura, kollox qisu kien idaħħlek f’dik l-atmosfera ta’ swudija u ta’ diqa.”
    Ġorġ Agius innota wkoll li l-verżjoni moderna tal-purċissjoni titlaqqa’ ma’ avveniment storiku ieħor fejn, malli l-purċissjoni tasal quddiem il-Palazz tal-Inkwiżitur, minn hemmhekk jinħareġ ir-Relikwarju tal-Passjoni u jiddawwar mat-toroq tal-lokalità. Din is-sena r-relikwarju, li fih iktar minn 21 relikwa, il-maġġoranza tagħhom marbutin mal-Passjoni ta’ Kristu, flimkien ma’ pittura tal-wiċċ ta’ Kristu, jagħlaq 270 sena minn mindu nġieb fil-Knisja parrokkjali tal-Birgu bl-għajnuna tal-Inkwiżitur ta’ dak iż-żmien, Paolo Passonei.
    Bħalma kien jiġri fi żmien l-ilsiera, fil-purċissjoni l-kurċifiss jinġarr mimdud, fuq l-idejn. Għad-daqq tal-fanfarri u t-tnabar tal-iscouts, il-purċissjoni daret mat-toroq dojoq tal-collacchio.
    Din is-sena, mill-knisja tad-Dumnikani ta’ Tas-Sliema nġieb ukoll il-kwadru mirakoluż ta’ Ġesù Nazzarenu, li nħareġ mill-Knisja tad-Dumnikani tal-Birgu u ngħaqad mal-purċissjoni.
    Il-purċissjoni s-sewda qed tiġbed mhux biss l-interess tal-Ġirbin, imma wkoll ta’ nies minn partijiet oħra tal-pajjiż u wkoll ta’ ħafna turisti. Kollox jindika li x-xrara li tkebbset fl-2019 biex titqajjem mill-ġdid din it-tradizzjoni li kienet intesiet għal kollox bil-mod il-mod qed tkebbes nar ta’ interess li jawgura tajjeb għas-snin li ġejjin.
    Joseph Schembri, li huwa l-koordinatur tal-attivitajiet tal-Ġimgħa Mqaddsa fil-Birgu, u wieħed mill-aktar li ħadmu biex it-tradizzjoni tal-purċissjoni s-sewda tiġi rxuxtata, iħossu ottimist.
    JOSEPH SCHEMBRI
    IL-KOORDINATUR TAL-ATTIVITAJIET TAL-ĠIMGĦA MQADDSA
    “Ir-rispons min-nies bħalissa tiela’. Għad jonqos, qed naħdmu fuqha, imma mexjin.”
    Wieħed mill-bosta Fratelli li ġie minn barra l-Birgu biex jieħu sehem, appella lil lokalitajiet oħra biex jimxu fil-passi tal-Birgu.
    FRATELL
    “U nappella lil pajjiżi oħra li għandhom it-tradizzjonijiet, jagħmlu minn kollox biex iżommu t-tradizzjonijiet Maltin ħajjin, għax nibża’ li, għada pitgħada, jekk ma nrawmux, speċjalment, lit-tfal, dawn it-tradizzjonijiet sbieħ nitilfuhom.”

ความคิดเห็น •