TISSOKTA X-XHIEDA FIL-KAWŻA TAL-VITALS

แชร์
ฝัง
  • เผยแพร่เมื่อ 2 ต.ค. 2024
  • ONE.COM.MT • Se nsegwu issa l-aħħar dettalji b’rabta mat-tkomplija tal-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-kawża b’rabta mal-inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella dwar il-konċessjoni tal-Vitals.
    KITBA: SAMUEL LUCAS
    FILMAT: ARKIVJI
    It-Tlieta filgħodu kompla jinstema’ l-każ tal-Vitals, skont l-inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella, fil-konfront ta’ ħmistax-il persuna oħra u kumpaniji, fosthom Mr Chris Fearne u l-Professur Edward Scicluna. Fil-fatt, tul is-seduta kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront tal-imputati quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana.
    L-akkużi, xprunati mill-inkjesta dwar il-konċessjoni ta’ tliet sptarijiet lokali, jinkludu fost oħrajn it-twettiq ta’ frodi u ħasil ta’ flus f’dan ir-rigward.
    L-ewwel persuna li ttella’ jixhed kien l-Awditur Ġenerali Charles Deguara.
    Hu spjega kif l-Uffiċċju tiegħu ħareġ tliet rapporti dwar il-każ tal-Vitals. Rapporti li ttrattaw mindu skatta l-proċess ta’ tendering sakemm immaterjalizzat il-konċessjoni u li ffokaw fuq il-prinċipju ta’ governanza tajba, fosthom fuq proċeduri u l-użu ta’ riżorsi.
    Deguara spjega wkoll kif il-fatt li l-MOU kien ġie ffirmat ħames xhur qabel ir-Request for Proposals jew l-RFP ma kienx aċċettabbli. Spjega kif l-evalwazzjoni kienet saret minn Project Malta, filwaqt li n-negozjati u l-kuntratti ma’ Vitals saru mill-Ministeru għat-Turiżmu.
    L-Awditur Ġenerali ġie mistoqsi min kienu l-avukati tal-Gvern fl-istadju tal-RFP, iżda ma setax iwieġeb dwar dan għax ma kellux tali informazzjoni fuqu. Il-Maġistrat Caruana tenna li x-xhud għandu jieħu nota ta’ dawn il-mistoqsijiet biex jerġa’ jixhed dwarhom.
    Quddiem mistoqsijiet mill-Avukat Franco Debono, l-Awditur Ġenerali, għal aktar minn darba, tenna li mir-rapporti li saru ma nstabet l-ebda irregolarità li tmiss mal-eks Segretarju Permanenti fil-Ministru għall-Finanzi, Alfred Camilleri, li wkoll kien koperattiv ħafna meta ntalab kull informazzjoni mill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali.
    Tenna wkoll li s-Sur Camilleri, wara li kien ħareġ ir-rapport, kien għamel kuntatt miegħu, għax ħass li fuq din il-materja kellu jiġi intervistat.
    Xehed ukoll l-eks Surġent Shaun Spiteri fejn spjega li ngħata struzzjonijiet mill-Ispettur Anthony Xerri, biex imur quddiem ir-residenza tal-Avukat Kevin Deguara b’mandat ta’ tfittxija mill-Maġistrat Gabriella Vella. Dan flimkien ma’ uffiċjal ieħor u esperta barranija.
    Hawn ix-xhud ġie mistoqsi mill-Avukat Franco Debono dwar dan il-mandat u d-distinzjoni bejn ir-residenza ta’ Kevin Deguara u l-uffiċċju tal-kumpanija li jgħajjat il-mandat imsemmi.
    Spiteri spjega li dakinhar waqqaf lil Deguara waqt li ħareġ mill-garaxx u ntalab jagħti l-mowbajl tiegħu. Dan wara li ppreżentalu l-mandat ta’ tfittxija. Madankollu Spiteri qal li mhux ċert jekk qarax id-drittijiet lil Deguara.
    Fil-fatt, ġie mitlub jaqra l-mandat ta’ tfittixja li nħareġ u kif dan jordna tfittxija fil-kumpanija DF Consultancy Services Limited u kull indirizz relatat magħha, inkluż ir-residenza personali ta’ Deguara.
    Spiteri spjega kif dak iż-żmien ma kienx jaf li DF Advocates u DF Consultancy Services huma żewġ entitajiet legali separati.
    Sadanittant, Louis Buhagiar mill-JobsPlus xehed dwar Bradley Gatt u pprovda d-dettalji tiegħu tal-impjieg mill-2008 sal-lum, fosthom ma’ DF Advocates u DF Consultancy Services Ltd.
    Franklin Calleja mir-Reġistru tal-Qorti Kriminali fuq il-pedana tax-xhieda ppreżenta lista tal-esperti li assistew l-inkjesta bl-avukati tad-difiża jinnotaw li dawn mhux kollha kienu preżenti. Hawn ġie spjegat li l-lista kienet ippreparata mid-Dipartiment tal-Ġustizzja.
    Il-Qorti qalet li rat in-nota tad-difiża li tindika lista ta’ 40 xhud li jeħtieġ jinstemgħu, waqt li ċaħdet referenza kostituzzjonali li ntalbet f’seduta preċedenti.
    Il-Maġistrat Leonard Caruana ppropona li dawn jitqassmu fuq erba’ seduti fejn indika li għandhom jinstemghu għaxar xhieda fit-8, l-10, il-11 u s-16 ta’ Lulju fid-9:30 a.m.
    Spjega wkoll li fis-17 ta’ Lulju se jkun qed jisma’ s-sottomissjonjiet fuq il-prima facie, bid-digriet rigward l-istess proċedura mistenni jingħata fis-seduta tal-24 ta’ Lulju.
    Hekk kif il-Qorti ma laqgħetx talba biex id-Difiża ttella’ fuq il-pedana tax-xhieda membri mill-Prosekuzzjoni biex jiġġustifikaw talbiet għal freezing order, id-Difiża permezz ta’ numru ta’ avukati argumentat kontra dan.
    B’rabta ma’ dan, l-Ispettur Wayne Rodney Borg tenna li ma kien hemm l-ebda problema jew indikazzjoni ta’ problema b’rabta mal-attendenza tal-imputati għas-seduti.
    Il-Maġistrat Caruana tenna li d-digriet dwar din il-materja se jingħata fis-seduta li jmiss.

ความคิดเห็น •