ไม่สามารถเล่นวิดีโอนี้
ขออภัยในความไม่สะดวก

MHUX ESKLUŻ LI L-ARMI LI NSTABU NTUŻAW F’DELITTI

แชร์
ฝัง
  • เผยแพร่เมื่อ 21 มิ.ย. 2021
  • ONE.COM.MT • Mhux eskluż li l-armi li nstabu f’qiegħ il-baħar ta’ Miġra l-Ferħa kienu ntużaw f’delitti li baqgħu mhux solvuti fosthom il-qtil ta’ Joseph Cutajar magħruf bħala l-‘Lion’ u Jonathan Pace tat-Tyson Butcher.
    Dawn l-omiċidji seħħew disa’ snin u seba’ snin ilu rispettivament.
    Intant minħabba biża’ li l-armi jissaddu, qed jinżammu f’ilma baħar kif kienu meta nstabu.
    Sorsi qrib l-investigazzjoni u li tkellmu ma’ ONE News komplew jgħidu li l-pulizija qed issaħħaħ it-teżi tagħha li l-armi ġew moħbija mill-aħwa tal-‘Maksar’.
    Rapporti qed jgħidu wkoll li l-materjal splussiv li nstab f’basket apposta li jilqa’ għall-ilma huwa simili għal dak li ntuża għall-bomba li qatlet lil Daphne Caruana Galizia.
    KITBA EDWARD MONTEBELLO
    FILMAT ARKIVJI
    Testijiet ballistiċi li qed isiru fuq l-armi li nstabu f’qiegħ il-baħar f’Miġra l-Ferħa mistennija jiddeterminaw jekk dawn l-armi ntużawx f’xi delitti li setgħu seħħew f’Malta.
    Is-sorsi ta’ ONE News qalu li l-investigaturi qed jeżaminaw bir-reqqa dawn l-armi u mhux eskluż li mill-ewwel eżamijiet forensiċi ħareġ li xi armi misjuba ntużaw fil-qtil ta’ Joseph Cutajar magħruf bħala l-‘Lion’ u Jonathan Pace tat-Tyson Butcher.
    Jekk dan jiġi kkonfermat ikun żvilupp importanti biex jiġu solvuti żewġ delitti oħra.
    Il-‘Lion’ kien inqatel fit-12 ta’ Diċembru tal-2012, fl-istess jum li fih kmieni filgħodu nstab mejjet fl-inħawi ta’ Qalet Marku, f’Baħar iċ-Ċagħaq Josef Grech magħruf bħala l-Yoyo.
    Dawn iż-żewġ omiċidji kien mifhum li huma marbuta u l-‘Lion’ kien instab mejjet f’għadira demm, b’siequ f’karozza li kellha l-wipers għadhom jaħdmu.
    Min-naħa l-oħra, Jonathan Pace kien inqatel b’arma awtomatika waqt li kien f’gallarija ta’ dar fil-Fgura fil-21 t’Awwissu tal-2014.
    Tat-Tyson Butcher kien intlaqat minn ħames tiri wara li ġew sparati bejn ħmistax u għoxrin tir.
    Jonathan Pace kien mixli bl-attentat ta’ qtil ta’ Vince Muscat il-‘Koħħu’, li kien intlaqat b’tiri f’għonqu u f’idu fit-8 t’April tal-2014.
    Dakinhar il-‘Koħħu’ kien saq bid-demm nieżel lejn l-għassa tal-pulizija tal-Imsida biex jirrapporta l-każ.
    Nifhmu li Vince Muscat, li ngħatatlu l-proklama fuq il-qtil tal-Avukat Carmel Chircop kien strumentali għas-sejba tal-armi taħt il-baħar.
    Hawnhekk il-pulizija qed timxi fuq it-teżi li l-armi nħbew mill-aħwa tal-‘Maksar’ Robert u Adrian Agius, b’dan tal-aħħar, akkużat li huwa l-mandant tal-qtil tal-Avukat Chircop.
    Fil-baħar ta’ Miġra l-Ferħa nstab ukoll materjal suspettat splussiv, fejn mhux eskluż ukoll li nstab apparat ta’ bomba simili ħafna għal dak li ntużat fl-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia.
    It-Times irrappurtat li l-isplussiv għall-bomba li nstab fil-baħar huwa wieħed minn tlieta li allegatament tal-‘Maksar’ daħlu f’pajjiżna.
    Intqal li bomba minnhom intużat fl-omiċidju ta’ Caruana Galizia u oħra ntużat fl-attentat ta’ qtil ta’ Romeo Bone.
    Il-bomba fil-karozza li kien qed isuq Bone ħadet fl-20 ta’ Frar tal-2017 f’żona traffikuża fl-Imsida.
    Huwa ma kienx miet iżda spiċċa tilef saqajh it-tnejn u ġarrab ġrieħi gravi.
    Bone huwa isem magħruf mal-pulizija u kien implikat f’serq u anki fil-qtil ta’ Raymond Agius, missier l-aħwa tal-‘Maksar’ fil-Butterfly Bar, Birkirkara fl-2008.
    Huwa qatt ma lissen kelma mal-pulizija wara l-isplużjoni.
    F’xhieda fil-Qorti, Vince Muscat il-‘Koħħu’, li diġà ammetta l-involviment tiegħu fil-qtil ta’ Caruana Galizia u weħel 15-il sena ħabs, kien qal li George Degiorgio, iċ-‘Ċiniż’ kien saħaq li meta tal-‘Maksar’ tawh il-bomba biex toqtol lil Caruana Galizia kien qal li jispera li din mhux bħal ta’ Bone, b’referenza għall-fatt li l-bomba ma qatlitux.
    Hawnhekk il-‘Koħħu’ qal li wieħed mill-aħwa tal-‘Maksar’ wieġeb liċ-‘Ċiniż’ li l-bomba għal Bone tpoġġiet mal-biebha li laqgħet l-isplużjoni filwaqt li dik għal Caruana Galizia se titpoġġa taħt is-seat.
    Kif żvelat ukoll fuq one.com.mt, l-armi qed jinżammu f’ilma baħar, bħal ma kienu f’basktijiet apposta li jilqgħu għall-ilma għaliex skont esperti forensiċi, il-mument li dawn jinħarġu mill-ilma, dawn jibdew jissaddu u l-affari ssir iktar iebsa għall-investigaturi biex jeżaminawhom.
    ONE News jista’ jiżvela wkoll li mhux eskluż li l-pulizija Maltija se taħdem mal-Europol u l-Interpol fuq dawn l-investigazzjonijiet bil-għan li jiġu solvuti każijiet kriminali kbar li jmorru lura s-snin.
    Intant b’rabta mas-sejba tal-armi, wara tfittxijiet li saru l-Ħadd waranofsinhar u t-Tnejn filgħodu, infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa Dr Monica Vella.

ความคิดเห็น •